Matul dan l-aħħar xhar, kelli x-xorti nagħti sehmi
fl-organizzazzjoni taċ-ċelebrazzjonijiet kommemorattivi fl-okkażjoni tal-mitt
sena mit-twaqqif taċ-Circolo Gozitano: għaqda
li għal dawn is-snin kollha xprunat l-identità reġjonali Għawdxija u xettlet
iż-żerriegħa ta’ qawmien kulturali u edukattiv fost missirijietna. Onorat però
fuq kollox li forsi din l-okkażjoni irnexxielha terġa’ tirxoxta l-argument
tar-reġjonaliżmu ta’ Għawdex, li kull darba li nibdew biex niddiskutuh noħorġu
b’ideat mill-iżjed validi, li bi sfortuna kbira jitmewtu qabel jieħdu r-ritmu
neċessarju biex jaslu fuq quddiem tal-aġenda tal-pajjiż.
Qed nikteb dawn il-ftit ħsibijiet ġimgħat wara li
faqqgħet il-kontroversja dwar jekk għandhiex tiġi stabbilita xi forma ta’
għaqda permanenti bejn iż-żewġ gżejjer. Jiddispjaċini ngħid li f’dan ir-rigward,
bosta fazzjonijiet waqgħu fin-nassa tat-trivjalità fejn is-sustanza
fl-argumenti kienet xi ftit jew wisq nieqsa. Mhijiex l-intenzjoni tiegħi li
nidħol f’dan id-dibattitu, anke għaliex nemmen bis-sħiħ li argument irid
jinbena fuq l-opinjoni studjata tal-esperti u l-analiżi tal-istess studji tagħhom,
u mhux sempliċi erba’ ħsibijiet kif ġie, ġie.
Huwa “pont” ieħor li jaffaxxinani u jinteressani,
għaliex l-effetti tiegħu iħollu u jorbtu l-mod kif inħarsu lejn il-gżejjer
tagħna. Il-kunċett reġjonali mhux sempliċi teorija politika, użata biex ittaffi
xi ftit mis-saħna tal-movimenti separatisti, iżda hi skola ta’ ħsieb li jekk
adottat sew isir raison d’etre tal-poplu
tar-reġjun u tal-pajjiż. Fi kliem ieħor, reġjun mhux biss xi titlu mogħti lil
parti minn pajjiż sabiex ninstemgħu u nidhru sbieħ. Dan ikun biss applikar
miskin u fażull tal-kunċett – daħk fil-wiċċ. Reġjonaliżmu veru hu dak
il-kunċett milqugħ, imħaddan – u mifhum min-nazzjon kollu.
Hu hawn fejn nixtieq nuri t-tħassib tiegħi. Nemmen
u wisq nibża’ li l-kunċett reġjonali, speċjalment dak fir-rigward tal-gżira
Għawdxija, mhux biss qed jiġi użat mingħajr ebda attentat għal konsultazzjoni
tassew miftuħa, iżda saħansitra qed jiġi abbużat b’mod espliċitu bħala buzzword komda li faċilment timpressjona
l-imħuħ ta’ dawk li ma jifhmux l-implikazzjonijiet diversi tal-kunċett. Xi
kultant naħseb li qed niffissa fuq din il-possibiltà, però nemmen li qatt mhu
biżżejjed li nemfasizza l-bżonn ta’ għarfien vast u pubbliku fuq kunċetti bħar-reġjonaliżmu. Dan kelli ċans
nitkellem dwaru f’post ftit xhur ilu.
Hawn ma rridx ninftiehem ħażin. Naqbel
kompletament u assolutament mat-twaqqif ta’ istituzzjonijiet reġjonali
bħall-Kunsill Reġjonali taż-Żgħażagħ, u iżjed ‘il quddiem it-twaqqfi mill-ġdid
tal-Kunsill Reġjonali għal Għawdex. Dawn huma bżonnjużi u jirrispondu tajjeb
għall-bżonnijiet ta’ żmienna. Fl-istess waqt però, ma nistax ma nesprimix id-dubji
serji tiegħi dwar kemm il-poplu Malti u Għawdxi tassew jifhem l-għan aħħari ta’
dawn l-azzjonijiet x’inhu: dak li Għawdex isir inqas piż u iżjed pilastru:
reġjun fil-qalb, u mhux fil-periferija tat-twettiq tal-politika nazzjonali. Kif
kelli l-opportunità nsostni iżjed minn sentejn ilu, fl-ewwel post fuq dan il-blog, reġjonalità applikata ħażin, jew mhix mifhuma mill-poplu
tagħti art fertili biżżejjed biex jispuntaw is-separatisti, li l-ewwel jidhru
redikoli, iżda bil-mod jiksbu l-momentum meħtieġ biex iwaqqfu movimenti bħal
dawk li qed nassitu għalihom fil-Katalunja u l-iSkozja. Ma nara l-ebda triq
fin-nofs. Huwa tajjeb li l-Gvernijiet- kemm dak preċedenti u dan preżenti
għarfu li l-futur ta’ gżiritna u ta’ Għawdex jinsab fir-reġjonaliżmu. Però issa
irridu naraw li din it-triq jimxiha kullħadd, b’viżjoni ċara u għanijiet ben
definiti minn qabel.
Ma nemminx li huwa tard wisq biex isir dan.
Għalhekk nappella sabiex jinbeda l-proċess li permezz tiegħu inkunu nistgħu
naslu għal politika ċara – u bil-volontà tajba ta’ kullħadd – kunsens dwar x’viżjoni
reġjonali għandna jkollna għall-pajjiż tagħna. Semmejt lil Għawdex b’mod
partikolari għaliex hu r-reġjun l-iżjed ‘ovvju’, iżda waħda mill-punti li żgur
iridu jitqajmu fid-diskussjoni huwa l-idea ta’ reġjuni oħra, li mhawnx qbil
jekk ħadmux jew le mit-teorija għall-prattika. Konvint li b’reġjonaliżmu
imħaddem tajjeb, igawdi r-reġjun, u jissaħħaħ il-pajjiż: rigal xieraq lil dan
in-nazzjon li se jkun qed jiċċelebra t-tnissil tiegħu fix-xhur li ġejjin.
L-opinjonijiet
huma dawk personali tal-awtur u ma jirriflettux fuq l-għaqdiet li hu membru
fihom.
Post a Comment